Ħadt pjaċir ħafna naqra mill-poeżiji tal-Erbgħin Jum għand il-Bongo Nyah il-Ħamis li għadda, speċjalment bil-kumpanija u l-kuraġġ ta’ Adolf, Alex u z-Zizza jdoqqu warajja. Apparti t-tema fil-bidu ta’ kull taqsima u l-bażi ta’ Lejl 34 (il-poeżija ta’ Ġesù u t-tentazzjoni), il-mużika kienet kollha improvizzata, u d-dinamika ta’ bejniethom sabiħa wisq. Daqqew ħafna aħjar milli diġà kien imwiegħed miż-żewġ sessjonijiet li kienu għamlu fil-garaxx tal-Marsa. F’diversi mumenti xtaqt nieqaf mill-qari ħa nisma’ sew il-mużika u nintilef fiha. Il-beats taz-Zizza, ir-riffs ta’ Adolf u n-noti għall-għarrieda ta’ Alex baqgħu għaddejjin bejn widnejja f’qiegħ il-lejl, u sa jumejn wara. Ħin minnhom ma nafx kontx qiegħed niftakar sew il-mużika jew nikkomponi fuq l-istil tagħhom, tant kien organiku. Prosit Alex tal-idea u talli laqqajtna. Aħfrulna tal-problemi ta’ volum li kien hemm fl-ewwel taqsima, fejn mid-dehra kliemi ma kienx jinftiehem, l-iktar fuq wara. Mill-bqija, kien hemm min fehem; kien hemm min ma fehemx; u kien hemm min qagħad jidħaq – tajjeb ukoll. Grazzi lill-Bongo Nyah u lil kull min ġie. U grazzi lil David Schembri tax-xogħol grafiku.
Dil-ġimgħa ninsab il-Wied (dak taż-Żurrieq, b’antonomażja), fl-istess kamra fejn nibtu l-idea u l-ħtieġa tal-Erbgħin Jum fi tmiem is-sajf li għadda. Ftit jiem wara, lura fil-griż tal-Lussemburgu, stenbaħt f’nofs ta’ lejl b’ħasda xxoqq l-għadam, u dak il-ħin smajt f’moħħi l-versi ta’ Lejl 0 u niżżilthom f’salt. Minn hemm ‘il quddiem komplejt nimxi u nikteb ftit jew ħafna kuljum, u issa għaddej norbot l-aħħar truf tas-sensiela. It-tir huwa li l-ktieb joħroġ f’Novembru jew Diċembru, u li nerġgħu nagħmlu l-kunċert-qari bħala tnedija, f’teatru jew sala.
Intant, jumejn ilu u dalgħodu reġgħu saqsewni. “Meta se tiżżewweg, ‘tazzetta’, tagħmel babies?” Niddedika l-poeżija t’hawn isfel – Lejl 30 – lil kull min laħaq ċerta età u għadu jibża’ ‘jazzetta’ u jrabbi familja. (U lil min sempliċement ma jridx – deċiżjoni li iktar ma nikber iktar nammiraha.) Recording mill-garaxx tal-Marsa.
Lejl 30
U seta’ kien agħar. Stħajjel tfajjel jixbhek,
waħdu jigdem id-dlamijiet fir-rokna,
b’ommu tgara l-kotba lejn ras missieru
għax qatta’ lejl ieħor imqajjem jikteb.
Stħajlek ġo loft bi skrivanija ċkejkna
imdawla kemm kemm minn tamboċċ imxattar
jilqa’ t-tisbit tal-isdra tat-tjur bojod
li dabulhom ġwinħajhom f’djul ix-xemx.
Stħajjel il-kaxxa tax-xjaten iddeffes
prodott wara l-ieħor fil-baħħ ta’ moħħok
bit-tifel jiftaħlu u jtenni kull kelma
u joqmos hieni ma’ kull melodija.
Stħajlek tul l-indani ta’ supermarket
titħaxken ma’ kull friża ħa tinġazza
biex ma tismax il-krib u ma tgerfixx
id-daqq taċ-checkout mat-taqtiq ta’ qalbek.
Stħajjel l-ikliet għand familji razzisti
jiddiskutu l-beżgħat tal-aħħar moda,
b’fommok imsakkar ma jmurx tisfa mostru
fuq wara tal-pitazzi tal-iskola.
Stħajlek titlaq mix-xogħol mingħajr ma tifraħ
u ssuqha sad-dar bil-ħmistax fis-siegħa
sa t-tpaqpiq itarrax it-twerżiq f’rasek.
Stħajlek tistartja l-magna maż-żerniq
u ssuqha sieket tul it-textix xitwi
bil-kelma Vladivostok tikber f’fommok.
Stħajlek titkaħħal ma’ mappa ta’ gżira
li ħallejt tegħreq fil-baħar ta’ ħalqek,
u tqarmeċ l-ismijiet u ssoff it-toroq
li jinfdu fil-fewġiet tal-arja mielħa.
Stħajlek taqla’ l-enneżima ċanfira
għax waqqajt farka zokkor fl-art tal-kċina
u int u tgħarraq l-imrar fil-kafè fietel
tiċċassa lejn l-iskorċa blu fit-tieqa.
Stħajjel l-intiena tal-ħalib maħruq
tfakkrek fl-omm li telqitek kontra qalbha
u d-dmugħ maqtugħ li kellek tibqa’ tibla’
biex tiskansa t-togħmiet taċ-ċinturin.
Stħajlek iżżomm b’idejk ma’ tarf is-sink
biex ma tiġġarrafx quddiem il-mistħija
tal-wiċċ abjad karti qed jaħrab ħarstek.
Stħajlek tittawwal fil-bokka ta’ bir,
u tagħlaq għajnejk, u ma ssibx in-nir,
u tiftaħ għajnejk u tara t-twerwir
tal-fatat li kont ħlift li qatt ma ssir.
Stħajlek tigdem ilsienek, idek, fwiedek
biex ma tiżloqx iż-żelqa ta’ missierek.
Stħajlek fanal imsawwat mill-mewġ kiesaħ
tibqa’ xxandar kif tista’ t-tpetpit bati,
tixtieqek vapur minnhom ħa tinkalja
fid-dejl ta’ rdum imxewwek u ħamrani.
Stħajjel l-għeruq mitlufa jrossu m’għonqok.
Stħajlek zokk mimdud bil-friegħi miżbura,
maħkum min-nemel bieżel u l-faqqiegħ.
Jew stħajlek taqla’ għeruqek darba għal dejjem,
stħajlek zokk mimdud u moħfi minn ġewwa
fejn jidħol jorqod tfajjel b’nifsu sielem
jimliek b’ferħ li qatt m’għext jew emmint fih.
Stħajjel rasha tistkenn fil-wied ta’ sidrek,
b’id waħda twennislek is-sinsla mwebbsa
u l-oħra tistrieħ ħafif fuq ix-xehwa
li nsejt li kellek ftit ‘il fuq minn qaddek.
Stħajlek f’qiegħ il-lejl tiskanta ġo qalbek
b’kemm hi iebsa l-imħabba, kemm fraġli l-hena,
u b’wiċċek ġo subgħajk għall-mitt elf darba
terġa’ ssaqsi dan kollu hux vallapena.