Dik l-għatba tad-diffikultà għadni ma qbiżthiex għalkollox, anzi għadni ‘l bogħod, imma t-traduzzjoni tgħin ħafna. (It-traduzzjoni hija l-aqwa mod kif taqra, qal García Márquez xi mkien.) Dan l-aħħar bdejt nirrispetta ‘l Heaney b’mod partikulari bħala poeta ‘ġeografiku’. Daż-żmien għaddej naħdem fuq sensiela ta’ poeżiji dwar il-gżejjer, speċjalment dawk inqas magħrufa u b’forom li jinbxu l-istħajjil (Orcas, Manus, Salamís). Apparti r-riċerka kartografika u storika, għal kull gżira magħżula nfittex xi ntqal fil-poeżija. B’serendipità skomda, issa li telaqna Heaney, jerġgħu jfiġġu minn fuq il-mappa l-gżejjer ta’ Aran (ftit ‘il barra minn Galway Bay, fil-punent tal-Irlanda), u poeżija bellezza mill-pinna ta’ Heaney.
F’lekċer minnhom, tas-sena 2000, appuntu dwar it-traduzzjoni, hemm kwotazzjoni partikulari ta’ Heaney li niftakar fiha ta’ spiss: “Poetry is a domestic art, most itself when most at home“. Hija stqarrija li twennisni u timbuttani f’daqqa. Iva u le, iva u le, kif jgħid il-ħin kollu l-mewġ. Heaney kien qed jirreferi għal dak li “jintilef” fit-traduzzjoni, u ma naqbilx sa barra. Poeżija tradotta hija poeżija ġdida, mhux bilfors inqas sħiħa, u mhux bilfors inqas poeżija. Billi fl-istess lekċer jitkellem dwar l-iskambju ferm meħtieġ bejn il-qrib u l-bogħod, il-kwotazzjoni fhimtha wkoll mod ieħor, aktar personali. Mhux biżżejjed li poeta jivvjaġġja fil-kotba u fil-mapep; irid jinża’ l-papoċċ, jaqbad il-barżakka, u jitlaq għal għonq it-triq. U aktar tard, irid jiġi lura, jinġabar u jirrakkonta. Mhux għax ma jistax jirrakkonta minn barra, iktar u iktar bil-faċilitajiet ta’ komunikazzjoni li għandna llum, iżda għax biex tkellem lil niesek, trid tkun fosthom, u trid issib, b’mod preċiż kemm jista’ jkun, ix-xefaq li jlaqqa’ l-perspettiva tagħhom mal-perspettiva ġdida li tkun qed toffrilhom.
Importanti li tkun taf fejn int, fejn tinsab, kien jisħaq Heaney. Kif jgħid fil-konklużjoni tal-poeżija The Aerodrome:
Jekk il-jien huwa post, l-imħabba wkoll.
Tniżżlu l-koordinati, l-għeliem, il-ponot kardinali,
l-għażliet, l-ebusijiet ta’ ras, it-tkaken midfuna, id-distanza,
hawn u hemm u issa u mbagħad, pożizzjoni, qagħda.
Jalla jistrieħ fil-paċi, fil-gżejjer ta’ mappa oħra.

Ritratt: http://shannoncity.wordpress.com
MAĦBUBIN FUQ ARAN
Il-mewġ dejjiem, ileqq, ikaxkar, ħġieġ miksur,
daħal ipeċpeċ, idur mal-blat, jindeħes fih,
daħal ileħħ, jitkaxkar mill-Amerki
ħa jaħkem Aran. Jew forsi Aran ġriet
tmattar dirgħajha tal-blat m’għonq marea
li ċediet b’ġibda ‘l ġewwa, b’tiġrifa ratba?
Kien il-baħar li fassal l-art, jew l-art lill-baħar?
Mill-iskontru tal-mewġ it-tnejn ġibdu sens ġdid.
Il-baħar kiser fuq l-art, u sar bis-sħiħ.