Iċ-ċelebri poeżija ta’ Philip Larkin; waħda minn dawk għal meta jkollok taqla’ balla minn fuq l-istonku. Issa li qlibtha, niżżi ħajr lil Larkin, u nistqarr miegħu li, għalkemm spiss naqbel mas-sentiment, ma naqbilx mal-v. 6, u lanqas mal-konklużjoni.
It-titlu oriġinali, This Be The Verse, hija allużjoni ironika għal strofa mill-poeżija Requiem ta’ Robert Louis Stevenson, b’epitaffju: “This be the verse you grave for me: / Here he lies where he longed to be; / Home is the sailor, home from sea, / And the hunter home from the hill“.
VRUS GĦAL FUQ L-IRĦAMA
Għad jaħxuk ħaj, ommok u missierek,
mhux għax iridu, iżda xorta jaħxuk.
Jimlewk bit-tbajja’ kollha tagħhom
u jżidu oħrajn magħhom, ħa jfissduk.
Iżd’huma, min-naħa tagħhom, inħxew ukoll
minn boloh bil-kpiepel imċerċrin,
filli jfuru bil-ħniena kiefra,
filli rashom ġo griżmejn xulxin.
Il-bniedem iwerret l-għaks lill-bniedem.
Jibqa’ nieżel bħaż-żonqor taħt il-qiegħ.
Bewweġ ‘l hemm kemm jista’ jkun malajr,
u ara ma jfettillekx itnissel il-frieħ.