Għal għonq it-triq #9: L-Imħabba wara l-imħabba, ta’ Derek Walcott

walcottInsejt meta ltqajt mal-versi ta’ Walcott għall-ewwel darba. Li niftakar żgur, jien u miexi f’Berlin fir-rebbiegħa tal-2008, sibt edizzjoni bilingwi, bellezza, tal-ġabra The Prodigal fil-ħanut tal-Haus der Kulturen den Welt. Ktieb li żammli kumpanija għal tliet ijiem, jitma’ u jtuq dik il-malinkonija ħelwa tal-vjaġġ solitarju f’belt ġdida u fi lsien ġdid. Illum lil Walcott nammirah iktar mill-bogħod, imma hemm xi ħaġa f’dik it-taħlita ta’ kadenza klassika u ta’ modernità solenni li kultant terġa’ tiġbidni ‘l ġewwa. Apparti l-fatt li nidentifika miegħu għas-sempliċi fatt li ġej minn gżejra (Santa Luċija, id-doppju ta’ Malta fid-daqs, u inqas minn nofsha fil-popolazzjoni), u jista’ jkun li l-arja mielħa tal-Karibew tispjega l-wisa’ li jinħass sew fil-versi tiegħu – ċjoè, in-nuqqas ta’ densità tross u ddejjaq li ssib f’tant poeti kontemporanji ta’ lingwa Ingliża. Walcott mhuwiex poeta li jħallik bla nifs, la bit-tajjeb u lanqas bil-ħażin. Imma lil hinn mill-mewġa pjaċevoli ta’ vrusu, nammira fuq kollox l-atteġġjament partikulari tiegħu, li miċ-ċokon iħaddan u jfisser kif jista’ l-kobor. Rooted cosmopolitanism, kożmopolitaniżmu bl-għeruq, hemm min sejjaħlu, espressjoni li togħġobni wisq, u tnikkitni fl-istess ħin. U dan wara li Walcott irritorna minn vjaġġ twil, ħali u ħafi. U forsi wkoll xi ftit ħati, min jaf. Il-ħtija muża intensa ħafna.

prodigalIl-poeżija t’hawn isfel mhix tipika tat-tematika ta’ Walcott, imma kultant hekk jiġri, l-iktar kitbiet ‘taliżmaniċi’ ta’ awtur issib li jkunu dawk l-eċċezzjonijiet li jikkonfermaw ir-regola. Xorta waħda hemm sens ta’ ritorn tal-iben il-ħali, ħafi u ħati f’din il-poeżija. Iżda iktar importanti minn hekk, is-sens ta’ awto-akkoljenza wara ċertu eżilju minnek innifsek.

Nirringrazzja lil sieħbi Yahia Lababidi, li kien tella’ din il-poeżija fuq il-profil tiegħu l-ġimgħa l-oħra. Ħajr ukoll lil Kevin Saliba tar-reviżjoni ħafifa.

 

L-IMĦABBA WARA L-IMĦABBA

Għad jasal iż-żmien
meta, b’ferħ ta’ ġenn,
għad tilqa’ lilek innifsek int u tasal
f’biebek stess, fil-mera tiegħek stess
u kull wieħed jitbissem bil-merħba tal-ieħor,

u jgħid, poġġi hawn. Kul.
Għad terġa’ tħobb lill-barrani li kien int.
Tih l-inbid. Tih il-ħobż. Agħti qalbek lura
lilha nfisha, lill-barrani li ilu jħobbok

għomrok, li umbrajtu
għal wiċċ ħaddieħor, li jafek bl-amment.
Neħħi l-ittri ta’ mħabba minn fuq l-ixkaffa,

ir-ritratti, in-noti ddisprati,
qaxxar xbihitek minn mal-mera.
Poġġi. U minn ħajtek agħmel xalata.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: