Għal għonq it-triq #1: Nikola Madžirov

ghalghonqittriqDarbtejn tlieta fil-ġimgħa, mingħajr dixxiplina, biex ma nifgax fil-griż robotiku tal-uffiċċju, biex inżomm l-għodda misnuna, u sempliċiment għall-gost, naqbad poeżija li nkun inzertajt fi ktieb jew fuq l-iskrin, x’aktarx ta’ awtur kontemporanju, u naqlibha bil-Malti. Ilni għaddej hekk xi sentejn u fuqhom, bi traduzzjonijiet imferrxin bejn kompjuters u fowlders differenti, kultant xi post jew ‘nota’ fuq il-Facebook, kultant xi ittre lili nnifsi għal reviżjoni aktar tard (li mhux dejjem issir), kultant xi traduzzjoni bil-lapes waqt il-brejk tal-ikel li mbagħad tintesa f’xi ħofra sewda tal-iskrivanija, sakemm terġa’ tfiġġli ftit tax-xhur wara u ma nkunx kapaċi niddeċifra sew it-tħarbix.

200px-Steiner_AfterBabelTa’ kull ġimgħa nipposponi l-mument li niġbor dawn it-traduzzjonijiet flimkien, nikklassifikahom, nara xi qlibt u x’ma qlibtx, nagħti daqqa t’għajn lejn l-aktar temi, stili u ritmi li ġibduni u li, dikment u bit-tferfira friska tal-iskoperta, ġegħluni nferragħhom b’leħni u bi lsieni. Għandi mnejn xi darba noħroġhom fi ktieb, anki jekk naf li iktar tkun antoloġija personali – personalissma – milli ħarsa wiesgħa u koerenti lejn il-poeżija kontemporanja. Fuq in-natura stess (biex ma ngħidx id-dixxiplina, li m’għandix) tat-traduzzjoni poetika jkolli ħafna xi ngħid ukoll – l-impossibbiltà tat-traduzzjoni bħala sors ta’ possibbiltajiet bla tmiem, bil-ħeġġa u l-eċitament li jitnisslu minnhom (ara l-ktieb After Babel, ta’ George Steiner); it-traduttur bħala koawtur, ngħidu aħna meta jkun kostrett li ‘jittraduċi’ kulturalment ċerta xbieha jew metafora; id-djalogu bejn il-poetiki ta’ kittieba differenti (xi minn daqqiet, traduzzjoni taf tkun stqarrija, sottili jew le, ta’ ċertu fehim politiku-filosofiku rigward ir-rwol tal-letteratura, li forsi ma kienx preżenti fl-oriġinal); u l-ożmożi għammiela bejn il-linka ta’ ilsna u ta’ poeti differenti. B’apoloġija lil Robert Frost, ma nista’ naqbel xejn, lanqas tikka, mad-dikjarazzjoni tiegħu li l-poeżija “hi dak li jintilef fit-traduzzjoni”.

afoot

Dil-ġimgħa nerġa’ nipposponi, l-ewwel għax il-ħsieb li niskava fil-garigori tal-fowlders u tal-inbox itini l-mejt, u t-tieni, nammetti, mhux biss għax prokrastinatur imġarrab, imma għax nibża’ wkoll li ntellef il-gost tal-ispontanjetà. Iżda bħala l-ewwel pass, biex ma nkomplix inħawwad il-borma, qtajtha li nniedi ‘kolonna’ ġdida f’dan il-blogg, biex nitfa’ fiha t-traduzzjonijiet li nsibni nħażżeż ‘l hawn u ‘l hemm, skont il-burdata, skont il-kapriċċ. It-titlu tal-kolonna, Għal għonq it-triq, biex nagħti simulakru ta’ vjaġġ, b’referenza għall-poeti li niltaqa’ magħhom jien u miexi (kemm fid-demm u fil-laħam, jiġifieri fil-leħen f’readings, festivals u l-bqija, u kemm fil-karta u fil-linka), u b’omaġġ lill-aktar poeżija li qatt ħadt pjaċir naqleb bil-Malti, is-Song of the Open Road ta’ Walt Whitman – forsi anki għax qlibtha waqt li kont qed nivvjaġġa bil-barżakka fl-Amerka t’Isfel, lura fl-2009. U hemm raġuni oħra: minn dik it-traduzzjoni tan-nannu Whitman għandi biss l-ewwel terz; il-bqija baqgħet f’pitazz blu li tlift (flimkien ma’ għadd ta’ poeżiji u versi sfużi) ftit ġimgħat wara l-vjaġġ, ma nafx fejn, u ormaj naħseb għal dejjem. Xewka li għadha tniggeż, u kif.

nikolamadzirovNibd’allura b’wieħed mill-iktar poeti kontemporanji li nammira fost il-ġenerazzjoni tiegħi: Nikola Madžirov, mill-Maċedonja. Ħajkist prim, ta’ liriżmu sempliċi iżda ta’ sottillezza qarrieqa – speċjalment fil-mod kif isensel metafora wara oħra ta’ “rtubija raffa” –, u nomadu fis-sens proprju tal-kelma, bħala bniedem (iben rifuġjati tal-gwerra tal-Balkani) u bħala kittieb (ara pereżempju l-esej tiegħu Home: a place to be left, ippubblikat fi Prairie Schooner, u f’verżjoni riveduta fl-ewwel ħarġa tal-gazzetta Le monde n’est pas rond). Iltqajt ma’ Nikola f’Lodève fl-2010, u sena wara f’pajjiżu waqt il-festival ta’ Struga; f’Awwissu li ġej, se jkun Malta, mistieden mill-Inizjamed.

This slideshow requires JavaScript.


ДОМ
(Dar)
, forsi l-iktar poeżija tiegħu li ċċirkolat u għadha tiċċirkola, hija marbuta mal-esej li semmejt, u minnha tnebbħet is-sensiela ta’ taħditiet HOME-EXIT/HOME, dwar kwistjonijiet tad-“dar” u tal-“oriġini”, ippreżentata minn Madžirov stess, ma’ għadd ta’ kittieba differenti waqt il-festival ta’ poeżija ta’ Berlin, daqs tliet ġimgħat oħra. Ladarba bil-Maċedonu ma nifhimx, it-traduzzjoni tiegħi hija bbażata fuq il-verżjoni Ingliża ta’ Peggy u Graham W. Reid, fuq il-Franċiża ta’ Vladimir Claude Fisera, u fuq verżjonijiet bl-Ispanjol ta’ Marija Krstevska u Martín López-Vega (għadni ma rajtx il-verżjoni ta’ Yolanda Castaño u Marija Petrovska, ippubblikata xahrejn ilu fi Spanja). Qed ninkludi wkoll traduzzjoni ta’ poeżija oħra, u ta’ żewġ ħajki, li għadni kif sibt fl-arkivji tal-inbox, April 2012 (kollha bbażati fuq l-Ingliż, ma ħadtx nota ta’ min – raġuni oħra biex nibda nrabbi ftit tad-dixxiplina).

DAR

Jiena għext f’xifer il-belt
bħal fanal b’bozza
li qatt ma tinbidel minn ħadd.
L-għanqbut kien iġannat il-ħitan,
u l-għaraq kien iwaħħal idejna.
L-ors tat-tfulija kont naħbih
fil-ħofor ta’ sejjieħ imtella’ kif ġie ġie
biex niskansah mill-ħolm.

Lejl u nhar kont nagħti l-ħajja lill-għatba
jien u nirritorna bħal naħla
li dejjem tmur lura għall-fjura ta’ qabel.
Meta tlaqt mid-dar kien żmien il-paċi:

it-tuffieħa migduma ma kinitx swiedet,
fuq l-ittra kien hemm bolla b’dar qadima, mitluqa.

Ilni mindu twelidt inpassi lejn imkejjen siekta
b’baħħ wara baħħ jiggranfaw mal-pali ta’ saqajja
bħall-borra li ma tafx hijiex
tal-art jew tal-ajru.


RISPOSTI U ŻMIEN

Ibni jsaqsini fejn jien.

Jinfetaħ bieb, jingħalaq ieħor.
Fuq it-tpinġija tiegħu, li għadha mhix lesta,
iddur baħrija.

Tifkiriet m’għandix,
hu ma jeħux risposta, la żmien mitluf,
u lanqas l-ewwel imħabba.

“Għad niġi lura”, ngħidlu,
“bil-mod, bħal ġerrej
iċarrat iż-żigarella kif jasal.”

 
(ZEWĠ ĦAJKI)

Illejla kwiekeb feġġa.
Għamilt xewqa: jalla jaqgħu
fuq xi ħaġa ratba.

Mappa tad-dinja.
Ara kemm int ‘il bogħod,
ġiex pulzieri…

3 thoughts on “Għal għonq it-triq #1: Nikola Madžirov

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s