Għal għonq it-triq #2: Carla Pravisani

 

Poeti fil-festival ta' poeżija ta' Granada, Frar 2013
Poeti fil-festival tal-poeżija ta’ Granada, Frar 2013

Carla Pravisani ltqajt magħha bil-ħatfa (għal 20 sekonda? nofs minuta?) fil-festival tal-poeżija ta’ Granada, in-Nikaragwa, waqt li konna qegħdin nistennew – flimkien mal-150 poeta oħra mistednin – il-minibuses li kienu se jeħduna fi rħula differenti tal-madwar, għal qari fi skejjel, pjazez, libreriji, saħansitra fi kwartieri tal-pulizija. (Fil-każ tiegħi, flok raħal – kif forsi xtaq it-tifel Qrendi ta’ ġo fija – ħaduni sal-belt ta’ León, kolonjali daqs Granada jekk mhux aktar, għal qari fl-università; ma ddejjaqt xejn, imma fuq din l-esperjenza, u l-umanità nejja li rajt fiż-żewġt ibliet, nikteb darb’oħra bil-kwiet.) F’festivals kbar bħal ta’ Granada u Struga, il-Maċedonja, impossibbli tiltaqa’ ma’ kulħadd; tant ikun hemm avvenimenti għaddejjin, tant possibbiltajiet itiru fl-arja u tant ideat jintisġu fil-moħħ, li diffiċli ħafna tilħaq bilanċ bejn ix-xenqa għal konversazzjoni ffukata, u bejn il-ħtieġa li tinqata’ għal waħdek biex tomgħod sew kulma tgħallimt fl-aħħar siegħa u tniżżlu fil-pitazz. Kienet ġimgħa intensiva, esperjenza maġika xorta waħda, paċpaċt ma’ ħafna u paċpaċt ma’ ftit, imma kelli x-xorti niltaqa’ ma’ għexieren t’awturi b’xogħol mill-aktar rikk (fosthom, anki jekk bil-ħatfa wkoll, Ernesto Cardenal, li għandu poeżija sabiħa ħafna dwar Malta). Il-poeżija ta’ dawn l-awturi għadni qed niskopriha ftit ftit sal-lum. 

foto-carla-pravisaniHuwa għalhekk li, illum stess, fraħt bl-iskoperta ta’ tliet poeżiji qosra ta’ Carla Pravisani fuq il-blogg tal-kittieb Messikan Aarón Reyes, wara r-rapport personali tiegħu tal-festival ta’ Granada. Jogħġbuni, għax fil-qasir, dritt għall-punt, bi xbihat ħajjin u waħxija. Laqtuni u qlibthom minnufih. Huma differenti ferm miż-żewġ poeżiji twal li smajtha tirreċta fi Granada; niftakar, partikularment, l-ewwel waħda minnhom, Tarjeta de presentación (“Business Card“, bil-Malti x’tiġi?). Torbot xi ftit mal-fissazzjoni poetika tiegħi kontra d-dokumenti t’identità, il-passaporti u l-bqija, u fiha metafri qawwija, uħud minnhom ġeografiċi (fissazzjoni oħra tiegħi), fosthom: “Ettari u ettari tal-imperu mistħajjel tiegħi / tesagħhom keffa tal-id“. Xi darba naqlibha wkoll. Fil-waqfa ta’ qabel “għal għonq it-triq, semmejt it-traduzzjoni kulturali; “ettari u ettari” x’aktarx naqlibha għal “tomniet u tomniet“, anki biex niżviluppa l-alliterazzjoni bil-m flok dik bit-t.

Minbarra dawk it-tliet poeżiji qosra, sibt żewġ poeżiji oħra ta’ Carla Pravisani li jolqtuni għal raġunijiet ovvji: El oficio del extranjero (Il-professjoni tal-barrani), ippubblikata fir-rivista elettronika Círculo de Poesía (nieħu nota tagħha għal ħarġa futura tal-gazzetta Le monde n’est pas rond), u Pueblo (Raħal). Kif nista’ ma naqlibhomx?

Imwielda fl-Arġentina fl-1976, Carla Pravisani llum tgħix f’San José tal-Kosta Rika. Kittieba ta’ novelli u poeżija, ġurnalista, editriċi (tar-rivista Literofilia), u direttriċi tal-arti. Aktar poeżiji tagħha hawn u hawn.


Post

M’hemmx rifuġju
jew bosk
jew dell tawwali u frisk
fejn wieħed jintasab
meta l-jiem jitmermru

ġo fih.

 

Mejt

Miexja b’teftif tul it-travu tad-dinja,
minn hawn jidhru l-għasafar mejtin.
Ġwinħajhom ukoll: ilħna mistura jtertru,
dellijiet imċekkna jsegwu
l-mogħdija tal-ajru.

 

Tieqa

Il-ħarsa ħajta xbihat.
Sajjied jiġbed dak li
jixtieq tiegħu.
Jaħtfu mill-ħajja, u jħallih jitqadded
xi mkien fil-memorja.

 

Il-professjoni tal-barrani

Niskopri taħt saqajja għeruq kważi nixfin.
Jiggranfaw mal-art bl-irtubija ta’ werqa mwaqqgħa.
Nefħa biżżejjed biex nitla’ fl-arja,
ir-rieda tiegħi fil-qsari ma tifhimx.

Nidra r-rutina tat-titjir.
Turista tistiva n-nostalġija tal-vjaġġ.
F’demmi jiġru l-migrazzjonijiet,
żrieragħ minn kull trapjant.

In-nannu iggranfa bħal nawfragu mal-Italja tiegħu
mibdula f’qabda ittri.
Papà wkoll ħammeġ b’ħamrija tal-provinċja
l-asfalt tal-kapitali. U minn Spanja,
niżlu mill-vapur imġewħa n-nanniet
biex jiġbru l-ħobż minn mal-art.
Imbierka din l-art abbondanti tiegħi!

Iżda jien,
leali għad-destin tiegħi t’għasfur,
żgiċċajt ukoll iċ-ċertezzi.
Forsi xi darba, tagħna lkoll
għad ikun ir-riħ.

 

Raħal

Qalbi nbidlet f’mappa
li nosserva mill-bogħod.
Intir fuq l-art li kont ngħammar żmien ilu,
illum xejn għajr tikka ċkejkna.

Dak ir-raħal insawru kif jiġini.
Jiġifieri, il-ħidma tiegħi aqwa
minn ta’ kwalunkwe politiku li għadda minn hemm.

Ħadd minnhom ma ddedika tant sigħat
għall-professjoni tal-bini mill-ġdid tat-toroq tiegħu; aħseb u ara
għall-imħabba lejn l-urieżaq tal-madwar, jew lix-xemx
li teħel m’għonqok qisha għarus żagħżugħ.

Ta’ sikwit insir Alla Kreatriċi, xi ftit dilettanta.
L-irwejjaħ aktar preċiżi min-numri tad-djar.
L-ismijiet xi minn daqqiet ikanġu wiċċhom.

Iżda fit-tifkira tiegħi tat-tafal, kollox possibbli:
sa li nisma’ lill-mejtin meta jkellmuni fuq it-tfulija.

One thought on “Għal għonq it-triq #2: Carla Pravisani

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s