Għal għonq it-triq #4: Xifer xi jkun?, ta’ Marko Pogačar

pogacarMarko Pogačar, poeta żagħżugħ mill-Kroazja, ma nafux minn Adam, u qatt ma ltqajt miegħu. Smajtu jissemma ta’ spiss, fost l-oħrajn minn ħabibti Yolanda Castaño, awtriċi mill-Galicia, li faħħret kemm-il darba l-poeżija tiegħu. U nifhem għalfejn: għax makabra mod ieħor, b’allegorija li tibqa’ aktar sottili milli tidher anki meta toqrob lejn l-estremi, u b’sens akut ta’ ritmu, kemm tal-loġika poetika u kemm tal-kadenzi tal-vrus. Il-fatt li Pogačar huwa batterista ma’ band post-punk jisimha Death Disco forsi jispjega, sa ċertu punt, il-preokkupazzjoni tiegħu bir-ritmu, iżda hemm ritmu ieħor li jinħass taħt il-battuti ta’ vrusu: dak tax-xbihat, itanbru waħda wara l-oħra fi gradazzjoni grafika li tinżel jew titla’ skont is-suġġett jew il-mument. Ritmu ‘kunċettwali’, jekk trid, iktar milli akustiku, iżda daqstant ieħor fiżiku. Int sabiħa daqs il-biża’, kiteb darba Bataille; fil-poeżija ta’ Pogačar, il-biża’ mhuwiex sempliċi stat jew emozzjoni, iżda sensazzjoni għalkollox bijoloġika u materjali. Il-korporejtà makabra tal-versi ta’ Pogačar norbotha ma’ dik ta’ Immanuel Mifsud, kif ukoll ma’ tal-poeta Panamjan Jhavier Romero, bid-differenza li Pogačar jaħrab apposta l-liriżmu u l-komunikazzjoni aktar diretta tal-emozzjoni li, milli wasalt nifhem, x’aktarx kienu jtaqqlu l-poeżija Kroata tal-ġenerazzjoni ta’ qablu.

Ftakart fil-poeżija ta’ Pogačar ftit tal-jiem ilu, l-1 ta’ Lulju 2013, għax kienet l-ewwel ġurnata tal-Kroazja bħala membru tal-UE. It-traduzzjoni t’hawn isfel, madankollu, mhijiex b’omaġġ lis-sħubija l-ġdida tal-Kroazja; noqgħod lura mit-tislijiet tat-tip “Merħba bikom, Kroazja!”, biex inżomm ‘il bogħod mill-festin li kien għaddej dil-ġimgħa fil-midja soċjali burro-kratika (#CroatiaEU) li, xi ftit jew wisq, diffiċli ma jinħassx elitist. Il-kollegi Kroati jifhmuni. Kemm-il bandiera, kemm-il tarka tiflaħ inbox? Kemm-il stilla safra, u kemm-il minġel tal-qamar?

cosmopolitangeographiesIt-traduzzjoni tal-lum lanqas mhi b’kontro-omaġġ, u dan minkejja t-tematika tal-poeżija magħżula. Huwa ovvju biżżejjed li, fil-poeżija (u fil-letteratura b’mod ġenerali), il-ġerarkiji politiċi skont il-prodott domestiku gross ma jeżistux. Kulħadd parti speċjali mill-klabb, għax il-klabb ma jeżistix. Kwistjoni oħra hi l-ġerarkija lingwistika, għax fit-traffiku letterarju dinji (il-Weltverkehr ta’ Goethe, jew il-montage of overlapping maps in motion ta’ Vinay Dharwadker fil-ktieb tiegħu Cosmopolitan Geographies), li jiddependi mit-traduzzjoni, hemm ilsna li bilfors huma aktar prattiċi bħala ‘lingwi pont’ milli oħrajn, għal sempliċi raġuni ta’ matematika, u għal raġunijiet iktar kumplessi ta’ storja kulturali. Fuq hekk nixtieq nitkellem darb’oħra.

Il-poeżija Što je to obod? qlibtha nhar it-Tnejn waqt il-brejk tal-ikel, u niżlitli għasel. Għal żewġ raġunijiet: l-ewwel, għax laqtitni b’xafra kiesħa; it-tieni, għax tidħol dritt ġo proġett li għandi fi ħsiebi għall-futur imbiegħed, marbut mal-gazzetta Le monde n’est pas rond – antoloġija ta’ poeżiji speċifikament dwar/kontra il-fruntieri. Ta’ kull ġimgħa qed ninzerta jew nirċievi poeżiji fuq dan is-suġġett, u b’saħħithom; l-arkivju qed jikber ġmielu, u m’hemmx wisa’ għalihom kollha fil-gazzetta.

Ladarba ma naqrax il-Kroat, mill-ġdid ikolli nwettaq traduzzjoni ta’ traduzzjonijiet, bil-Franċiż (trad. Vanda Mikšić) u bl-Ingliż (trad. ? – b’xorti ħażina, iċ-Civitella Ranieri Foundation ma jġibux isem it-traduttur) bħala ż-żewġ lingwi pont. Fejn iż-żewġ verżjonijiet ma jaqblux, żammejt iktar mal-Franċiża, li tidher aktar awtorevoli u anqas issemplifikata, iżda kien hemm xi ftit waqtiet fejn ippreferejt l-interpretazzjoni Ingliża, għal raġunijiet poetiċi u personali, jew għax il-verżjoni Maltija sibtha ddur aħjar mal-ilsien. Traduzzjoni poetika li tfittex li żżomm strettament mal-oriġinal u taħrab kull deċiżjoni suġġettiva tat-traduttur tfalli sa mill-ewwel vers – it-traduzzjoni letterarja hi bilfors rikreazzjoni, u rikreazzjoni titlob, bilfors ukoll, ċertu livell ta’ kreattività.

Mill-minuta 11:00 ‘il quddiem ta’ dan il-vidjo, Pogačar jaqra l-poeżija oriġinali, u Yolanda Castaño jaqra verżjoni bil-Gallego, waqt l-edizzjoni ta’ Novembru li għadda tas-sensiela Poetas Di(n)Versos, f’La Coruña.


Imwieled fl-1984 fi Split, Marko Pogačar huwa kittieb ta’ poeżija, saġġi, proża u kritika. (Ktieb minnhom, ta’ saġġi letterarji, iġib it-titlu interessanti Atlas glasova, li milli wasalt nifhem, tista’ tfisser kemm “Atlas tal-ilħna” u kemm “Atlas jivvota“.) Huwa l-editur tar-rivista letterarja Quorum u r-rivista kulturali/soċjali Zarez. Il-poeżiji tiegħu ġew maqluba f’aktar minn 20 lingwa.


Xifer xi jkun?

Xifer hu kategorija. Espressjoni ta’ tradizzjoni, tarf
li m’għandux jinqabeż. Kelma li ħadd qatt
ma jmeriha: taħt ix-xifer sikwit ikun hemm ras,
dar, u darba fill, ħaġu ta’ xejn, wiċċu tost. Ir-ras, jekk
ta’ baqra, tkun minfuda b’musmar tal-azzar. Il-baqra
għall-ewwel tintrabat b’katina mal-ħitan imniddija
ta’ remissa, imbagħad tintlaqat bis-saħħa. Id-demm inixxi
hu d-demm t’art it-twelid. Żmien twil il-baqra riedet l-art kollha
għaliha, bi snienha. Jekk ras ta’ tiġieġa, tinqala’ b’daqqa
ta’ mannara. It-tiġieġa jaqbduha, sempliċement, jeħduha
band’oħra, iqegħduha fuq zokk ta’ siġra, ix-xafra kiesħa taqa’
fuq għonqha b’salt. Għal ftit, it-tiġieġa tibqa’ tixher, ma jismagħha
ħadd. Fenek jitbiċċer b’idejn għerja u letterati. Id-demm jibqa’
fil-ġisem u jġelben, bl-imgħoddi suspettuż tiegħu. Il-widnejn,
li bihom żammejtu mdendel minn idek, s’issa għadhom siekta,
bħalkieku xejn ma jinstema’ fil-bosk, xejn m’hu qed jiġri.
L-għelieqi siekta. Il-pajjiżi siekta. Art it-twelid qed toqtor
minn xi mkien, u n-nies jaqtgħu l-għeneb. Sħana li
ma jiflaħha ħadd. Xi jkun xifer, u taħtu xi jkun hemm?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: